Ir-Rappreżentanta Permanenti tħabbar kontribuzzjoni volontarja minn Malta għall-Programm COVID-19 tal-IAEA

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Ġun 22, 2020
 
Malta u l-IAEA ġeddew ir-relazzjoni eċċellenti tagħhom wara li l-.E.T Natasha Meli Daudey, ir-Rappreżentanta Permanenti ta' Malta għall-Organizzazzjonijiet Internazzjonali ta' Vjenna ltaqgħet mad-Direttur Ġenerali tal-IAEA, Rafael Mariano Grossi fl-uffiċċini tal-IAEA fi Vjenna.

Matul il-laqgħa, l-Ambaxxatriċi Meli Daudey enfasizzat l-importanza tal-Aġenzija fil-ħidma tagħha, speċjalment fl-aħħar ftit xhur, fejn 121 Stat Membru ġew megħjuna, fil-ġlieda tagħhom kontra COVID-19. Malta wkoll qed ikollha rwol importanti f’din il-ġlieda, billi tat kontribuzzjoni volontarja ta’ materjal lill-Aġenzija, sabiex jintuża għall-programm kontra l-COVID-19.

Malta hija parteċipant attiv fl-inizjattivi differenti tal-Aġenzija, u d-Direttur Ġenerali Grossi faħħar il-kooperazzjoni tajba ħafna li hemm bejn Malta u l-IAEA, inkluż fl-implimentazzjoni tal-programmi tekniċi tal-istess Aġenzija.

F'dan ir-rigward, Malta tibbenefika ħafna minn fondi għall-proġetti ta' Kooperazzjoni Teknika, li jgħinu biex jipriservaw il-wirt kulturali u l-ambjent naturali ta' Malta, u biex ikun hemm sistema aħjar ta’ trattament ta’ radjazzjoni fl-isptarijiet tagħna. Matul is-snin Malta gawdiet ukoll minn ko-finanzjament ta' proġetti li jgħinu fit-trattament tal-kanċer fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Għal dan il-għan, Malta bbenefikat minn aktar minn €2.1 miljun fis-snin li għaddew, li marru lejn diversi proġetti f'dawn l-oqsma.

L-Ambaxxatriċi Meli Daudey u d-Direttur Ġenerali Grossi għamlu wkoll referenza għar-rwol tal-Aġenzija bħala l-gwardjan tas-sigurta’ nukleari internazzjonali u qablu li l-kooperazzjoni mal-Istati Membri lejn iż-żamma tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari hija importanti ħafna.

Waqt il-laqgħa, Malta kienet irrappreżentata mir-Rappreżentanta Permanenti Natasha Meli Daudey, u l-uffiċjali Alberta Borg u Karl Anthony Borg.

744d91eb-54e1-4492-8b36-86d1692603b3.JPG