Malta eletta Viċi President tal-Kumitat Ġenerali tal-64 Sessjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA)

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Set 24, 2020
 

Ir-Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għall-Organizzazzjonijiet Internazzjonali fi Vjenna, H.E Meli Daudey, ġiet eletta Viċi President tal-Konferenza Ġenerali tal-IAEA, f’isem il-Grupp tal-Ewropa tal-Punent, fi ħdan l-istess għaqda.

Fid-diskors mogħti f’isem Malta, ir-Rappreżentanta Permanenti faħħret lid-Direttur Ġenerali u lill-Aġenzija għall-isforzi tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19, kemm biex iżommu s-salvagwardji meħtieġa kontra l-proliferazzjoni nukleari, kif ukoll biex jassistu pajjiżi fil-ġlieda kontra l-firxa ta’ din il-marda. F’dan ir-rigward, Malta kienet kburija bil-kontribuzzjoni volontarja tagħha ta’ tagħmir protettiv li marru għall-programm tal-Aġenzija.

Id-diskors enfasizza ukoll l-appoġġ ta’ Malta għal aktar nisa fix-xjenza u t-teknoloġiji nukleari u faħħar il-Programm Marie-Sklodowska Curie Fellowshop tal-Aġenzija, li se jkun qed joffri boroż ta’ studju u opportunitajiet ta’ xogħol speċifiku lil studenti nisa.

Malta rringrazzjat ukoll lill-IAEA għall-assistenza u l-kooperazzjoni kontinwa tagħha permezz tal-Programm ta’ Kooperazzjoni Teknika. Il-proġetti implimentati, li jammontaw għal madwar 4 miljun ewro, ikomplu jipproduċu benefiċċji tanġibbli u importanti f'oqsma li jinkludu t-trattament tal-kanċer, it-terapija bir-radjazzjoni, il-wirt kulturali, u t-trattament tal-ilma. Barra dan, Malta qed tesplora biex tkabbar din il-kooperazzjoni ma' l-Aġenzija, sabiex it-teknoloġija nukleari tkun tista’ tintuża biex tindirizza kwistjonijiet bħas-sigurtà ta' l-ikel u l-kontroll tal-pesti.

Id-diskors irrimarkja ukoll l-importanza tat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni tal-Armi Nukleari, li Malta hija parti minnhu, u talbet lill-Iran, lis-Sirja u lil Korea Ta’ Fuq, biex jikkoperaw aktar mill-qrib ma’ l-IAEA u jindirizzaw ċertu kwistjonijiet li għadhom mhux solvuti.

Malta ngħaqdet ukoll mal-appell tal-Marokk, fejn il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Marokkin talab lill-Istati Membri kollha biex jaċċettaw l-emenda għall-Artikolu VI tal-Statut tal-Aġenzija li jagħmel referenza lejn it-tkabbir tal-Bord tal-Gvernaturi sabiex dan ikun jirrifletti l-ammont ta’ pajjiżi ġodda li saru membri fl-Aġenzija.

Il-Konferenza Ġenerali tal-IAEA qed tiltaqa' fi Vjenna, taħt restrizzjonijiet stretti tal-COVID-19, mit-Tnejn 21 ta' Settembru sal-Ġimgħa 25 ta' Settembru, taħt il-Presidenza tal-Ambaxxatur tal-Marokk.

Fost ir-riżoluzzjonijiet li mistennija jiġu adottati matul din il-ġimgħa hemm ir-riżoluzzjoni 'IAEA and the COVID-19 Pandemic', ippreżentata mill-Filippini u l-Grupp G77 + Ċina, ir-riżoluzzjoni fuq ‘Sigurtà Nukleari' u r-riżoluzzjoni dwar r-'Radjazzjoni u Sikurezza Nukleari', li kienu sottomessi minn numru kbir ta’ Stati Membri, inkluż Malta.


 
  Malta eletta Viċi President tal-Kumitat Ġenerali tal-64 Sessjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali IAEA
 Malta eletta Viċi President tal-Kumitat Ġenerali tal-64 Sessjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali IAEAMalta eletta Viċi President tal-Kumitat Ġenerali tal-64 Sessjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali IAEA