Ir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Vjenna tieħu sehem fit-63 Edizzjoni tal-Kumissjoni tad-Droga Narkotika

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Mar 09, 2020
 

Bejn it-2 u s-6 ta’ Marzu, r-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda fi Vjenna, ipparteċipat fit-63 Edizzjoni tal-Kumissjoni tad-Droga Narkotika, tal-Uffiċju tal-Ġnus Magħquda fuq id-Droga u l-Kriminalità.

Waqt id-diskors tagħha l-Ambaxxatriċi Natasha Meli Daudey tenniet dwar il-bżonn li nadottaw miżuri internazzjonali ta’ kontroll fuq id-droga li fil-qofol tagħhom jaċċertaw li d-drittijiet tal-bniedem ikunu rispettati. L-Ambaxxatriċi għarrfet kif Malta rnexxielha tagħmel dan bl-emenda li kienet implimentata fl-2015, li wettqet fis-seħħ miżuri li aktar minn qatt qabel jirrispettaw u jippromwovu d-dinjità, d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem. Bħala eżempju wieħed ta’ bidla pożittiva, l-Ambaxxatriċi semmiet li llum il-ġurnata persuni li jittellgħu quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja, b’pussess t’ammonti żgħar ta’ droga għal użu personali, minflok jirċievu kundanna ta’ ħabs, qed jiġu mogħtija il-kura u s-servizzi neċessarji. L-Ambaxxatriċi ħabbret li għal każijiet aktar gravi, l-Awtoritajiet qed jaħdmu biex f’Settembru ta’ din is-sena jinfetaħ ċentru li joffri residenza u servizzi neċessarji għall-vittmi tad-droga. L-Ambaxxatriċi għalqet l-intervent tagħha b’appell biex iktar pajjiżi jaddottaw politika li tagħti prijorità lid-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem.

Il-Kummissjoni innegozzjat u adottat ħames riżoluzzjonijiet, li għandhom jgħinu lil kommunita' internazzjonali taħdem f'dan il-qasam. Riżoluzzjoni minnhom iffukat fuq il-ġbir ta' informazzjoni u statistika, bit-tir li dawn jgħinu fit-tfassil ta' policies skont l-evidenza xjentifika. Riżoluzzjoni oħra trattat l-importanza li jkun hemm aċċess u disponibbilta' ta' sustanzi li jintużaw għal użu mediku u xjentifiku. Riżoluzzjinijiet ohra trattaw l-iżvilupp alternattiv, iż-żagħżagħ u l-prevenzjoni, il-kooperazzjoni bejn is settur pubbliku u dak privat fil ġlieda kontra l-abbuż tad-droga.

Il-Kummissjoni ivvutat biex iżżid tlettax-il sustanza ġdida fl-iskedi relevanti tas-sustanzi ikkontrollati, skond it-tlett konvenzjonijiet internazzjonali.

Waqt it-63 edizzjoni tal-Kumissjoni tad-Droga Narkotika, ir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta kellha kollox ippreparat biex torganizza lagħqa sekondarja dwar l-importanza li nadottaw miżuri għall-kontroll tad-droga li huma konformi mad-drittijiet tal-bniedem. Sfortunatament peress li l-maġġoranza tal-kelliema li kienu mistiedna biex jindirizzaw din il-lagħqa ħassru l-impenji tagħhom minħabba l-virus COVID-19, din il-lagħqa kellha tiġi mħassra.​

IMG_8172.JPGcb312790-9b7d-4fd8-bc45-c31ab13b9652.JPG