Diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Mej 21, 2020
 

Din is-sena qed infakkru l-għoxrin sena anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, u għaldaqstant kien il-mument opportun biex fi ħdan l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), nerġgħu nikkonfermaw mill-ġdid l-impenji tagħna favur l-implimentazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni, li kienet inawgurat l-aġenda tan-Nisa, l-Paċi u s-Sigurtà.


Waqt id-943 laqgħa tal-Forum għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà tal-OSKE, l-istati parteċipanti ħadu sehem f’diskussjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325. Fl-intervent tagħha l-Ambaxxatriċi Natasha Meli Daudey laqgħet il-ħidma tal-OSKE f’dan il-qasam u saħqet li f’Malta tinsab għaddejja ħidma sabiex jidħlu fis-seħħ il-miżuri kollha tar-Riżoluzzjoni 1325. Apparti minn hekk l-Ambaxxatriċi ħabbret li Malta ħa tkun qed tniedi Pjan Nazzjonali dwar in-Nisa, il-Paċi u is-Sigurtà. Minkejja l-fatt li r-Riżoluzzjoni 1325 għarrfet il-potenzjal tan-nisa u l-bniet, fit-tfassil ta’ miżuri li jwasslu għall-waqfien mill-ġlied u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, l-Ambaxxatriċi tenniet li l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 mhux qed tingħata l-importanza meħtieġa u b’hekk in-nisa għadhom qed ikunu marġinalizzati minn dan il-proċess. Għaldaqstant fl-okkażjoni tal-20 sena anniversarju, l-Ambaxxatrici appellat lid-delegazzjonijiet tal-OSKE biex filwaqt li nieħdu nota tal-kisbiet li ksibna, ngħarfu ukoll l-isfidi li għad għandna quddiemna.


Fl-20 ta’ Mejju fl-laqgħa konġunta bejn il-Kunsill Permanenti tal-OSKE u l-Forum għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà tal-OSKE, l-Ambaxxatriċi Natasha Meli Daudey, flimkien ma’ grupp ta’ Ambaxxaturi u Rappreżentanti nisa, ikkomunikaw dikjarazzjoni fuq il-bżonn li jidħlu fis-seħħ il-miżuri kollha abbinati mar-Riżoluzzjoni 1325. L-Ambaxxaturi nisa tennew li l-ugwaljanza bejn is-sessi hi fattur deċiżiv biex jittejbu s-suċċessi tagħna fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fiż-żamma tal-paċi. Għaldaqstant, l-Ambaxxaturi nisa saħqu li hemm bżonn li nsaħħu l-impenji tagħna biex niżguraw li fis-settur tas-sigurtà jirnexxielna niksbu parteċipazzjoni ugwali bejn is-sessi.


wps 2.jpg