Miri Ġodda għan-Nisa fid-Diplomazija Maltija: L-Ewwel Ambaxxatriċi ta’ Malta residenti fl-Emirati Għarab Magħquda u fil-Golf Għarbi, ukoll bħala l-Ewwel Rappreżentant Permanenti għall-IRENA

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Nov 26, 2020
 
Maria Camilleri Calleja ppreżentat il-kredenzjali tagħha bħala l-ewwel Ambaxxatriċi residenti ta’ Malta għall-Emirati Għarab Magħquda nhar it-Tnejn, 23 ta’ Novembru 2020 f’Qasr al-Watan (Il-Palazz Nazzjonali) f’Abu Dhabi, fejn ġiet milqugħa mill-Altezza Tiegħu Sheikh Mohammed Bin Rashid Al Maktoum, Viċi President u Prim Ministru tal-Emirati Għarab Magħquda u Mexxej ta’ Dubai. L-Ambaxxatur Camilleri Calleja hija wkoll l-ewwel Ambaxxatriċi Maltija li qatt ippreżentat kredenzjali fir-reġjun tal-Golf.

Wara t-tlugħ tal-bandiera Maltija u d-daqq tal-Innu Malti, l-Ambaxxatriċi Camilleri Calleja wasslet fil-lingwa Għarbija t-tislima tal-President tar-Repubblika ta’ Malta u x-xewqa li ż-żewġ pajjiżi jkomplu jtejjbu r-relazzjonijiet eċċellenti li diġà jeżistu bejniethom.  Fix-xhur li għaddew, Malta u l-Emirati Għarab Magħquda seħħew laqgħat kemm politiċi kif ukoll tekniċi fejn iż-żewġ naħat iddiskutew kwistjonijiet ta’ interess reċiproku jiġifieri l-kura tas-saħħa, l-akkwakultura, il-kummerċ, l-investiment, l-isport, aspetti li jolqtu ż-żgħażagħ, kooperazzjoni kulturali, bidla fil-klima u l-ambjent, kif ukoll is-sitwazzjoni fil-Mediterran u madwaru u l-impatt tal-pandemija COVID-19.

Mill-banda l-oħra, l-Altezza Tiegħu Sheikh Mohammed Bin Rashid tenna l-ferħ tiegħu li r-Republika ta’ Malta appuntat l-ewwel Ambaxxatriċi residenti fil-pajjiż.  Huwa nnota li l-ministri kollha tal-kabinett se jkomplu jgħinu fl-amplifikazzjoni tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.

Din kienet l-ewwel preżentazzjoni personali tal-kredenzjali li saret fl-Emirati Għarab Magħquda minn meta faqqgħet il-pandemija. Total ta’ seba' Ambaxxaturi ppreżentaw kredenzjali flimkien (fl-ordni ta’ preċedenza): Malta, il-Bangladesh, il-Mawritanja, l-Afganistan, il-Maldivi, Franza u l-Vjetnam

Sadanittant nhar il-Ħamis li għadda, 19 ta’ Novembru 2020, l-Ambaxxatriċi Camilleri Calleja ppreżentat ukoll il-kredenzjali tagħha bħala l-ewwel Rappreżentant Permanenti ta’ Malta lid-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Rinnovabbli (IRENA), li tinsab f’Abu Dhabi.  L-Ambaxxatriċi rringrazzja lid-Direttur Ġenerali Francesco La Camera li qiegħed għad-dispożizzjoni l-esperti kollha fl-IRENA li diġà bdew jaħdmu ma’ esperti Maltin fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli hekk kif saret l-ewwel laqgħa fl-1 ta’ Ottubru 2020 fejn esploraw kif żewġ naħat jistgħu jmexxu 'l quddiem dan il-portafoll tal-enerġija rinnovabbli fil-kuntest tal-impenji internazzjonali mħaddna fil-Ftehim ta' Pariġi fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima.

Dan ifisser li l-Ambaxxata tar-Repubblika ta’ Malta fl-Emirati Għarab Magħquda issa se ġġorr żewġ portafolli: dak ta’ ambaxxata bilaterali biex jissaħħu r-relazzjonijiet mal-Emirati Għarab Magħquda kif ukoll bħala Rappreżentanza Permanenti bl-iskop li ssawwar relazzjonijiet aktar b’saħħithom mal-Agenzija IRENA u l-istati membri tagħha.​


Maria Camilleri Calleja presenting her letters of credence to His Highness Sheikh Mohammed Bin Rashid Al Maktoum​
Maria Camilleri Calleja presenting her letters of credence to His Highness Sheikh Mohammed Bin Rashid Al Maktoum​


Maria Camilleri Calleja standing for a photo with His Highness Sheikh Mohammed Bin Rashid Al Maktoum.​

 Maria Camilleri Calleja standing for a photo with His Highness Sheikh Mohammed Bin Rashid Al Maktoum.​