Malta tipparteċipa fil- Festival tal-Films tal-UE fl-Indja

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Nov 26, 2020
 

F’ Novembru 2020, id-Delegazzjoni tal-Unjoni Europea (UE) fl-Indja, qed itella’ il-25 edizzjoni tal-Festival tal-Films tal-UE ġewwa l-Indja. Din is-sena dan il-Festival tal-Films qed jiċċelbra l-Ġubilew tal-Fidda. Madankollu, din is-sena, għall-ewwel darba, il-Festival qed issir b’mod virtwali minħabba l-pandemija.


Għal din l-edizzjoni tal-Festival tal-Films tal-UE, il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fi New Delhi għażlet li tesibixxi film qasir b’tema ferreħija. Il-film bl-isem ta’ Sunday (Il-Ħadd)huwa kummidja miktuba mid-direttur taghħa Bruce Micallef Eynaud. Il-kummidja hija ċċentrata fuq raġel minn Għawdex li ġie lura minn Malta wara li qatta’ tmiem il-ġimgħa f’Malta għal konferenza. Ir-raġel li huwa dentist, jinsab jirrakkonta ż-żjara tiegħu f’Malta lil martu. Filwaqt li qiegħed jirrakkontalha, jiżvela kemm hu kapaċi idawwar il-verita’. Jieħdu sehem f’dan il-film qasir l-atturi Kris Spiteri u Manolita Grech.


L-istorja tal-film iseħħ f’Malta tal-lum. Sunday (Il-Ħadd), huwa miġbut bil-Malti, b’sottotitoli bl-Ingliż. Tista’ tara l-film permezz tal-ħolqa https://www.festivalscope.com/film/sunday/. Il-fim huwa disponibbli sal-aħħar ta’ Novembru 2020.


Għal iktar informazzjoni dwar il-Festival tal-Films tal-UE, wieħed jista’ jmur fuq is-sit: https://euffindia.com/.


F’din l-edizzjoni speċjali, il-Festival tal-Films tal-UE wera uħud mill-aqwa films Ewropej, saħansitra films rebbieħa ta’ premjijiet. Fosthom, films  li ġew rekonoxxuti mill-Film Festivals ta’ Cannes, Locarno, Venezja, Berlin u San Sebastian. Il-films li intwerew huma kiemu maħsuba biex joffru ħarsa lejn il-qalb tal-Ewropa.


Il-Kummissarju Għoli ta’ Malta fi New Delhi, is-Sur Reuben Gauci u id-diplomatika Maltija responsabbli għall-Kultura fi ħdan il-Kummissjoni Għolja, is-Sa. Eugenie Megally, jixtiequ jirringrazzjaw lis-Sur Bruce Micallef Eynaud, lis-Sa. Joyce Grech, lill-Ewropa Kreattiva ta’ Arts Council Malta, u lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Indja u l-Bhutan fi New Delhi.


Screenshot from the light-hearted short film by the name of Sunday (Il-Ħadd). 

Screenshot from the light-hearted short film by the name of Sunday (Il-Ħadd).