Il-Kummissarju Għoli għall-Indja l-E.T. Reuben Gauci ppreżenta l- Kredenzjali ġewwa New Delhi

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Ott 23, 2020
 
Nhar l-Erbgħa 14 t’ Ottubru 2020, il-Kummissarju Għoli l-Ġdid tar-Repubblika ta’ Malta għar-Repubblika tal-Indja, l-E.T. Reuben Gauci, ippreżenta l-Kredenzjali lil President tal-Indja, l-E.T. Ram Nath Kovind. Minħabba l-Imxija tal-Virus Korona, iċ-ċerimonja tal-presentazzjoni tal-Kredenzjali saret fil-kamra tal-emerġenzi fil-Ministeru tal-Affarijiet Esterni tal-Indja.

Il-Kummissarju Għoli ta’ Malta ppreżenta l-Kredenzjali lil President tal-Indja flimkien mal-Ambaxxatur il-Ġdid tal-Isvizzera u l-Kummissarju Għoli l-Ġdid tal-Botswana. L-E.T. il-President tal-Indja aċċetta l-Kredenzjali mill-Palazz Presidenzjali waqt li kien qiegħed jidher fuq skrin fil-kamra fejn kien hemm miġbura l-Kapijiet tal-Missjonijiet Diplomatiċi.

Fid-diskors tiegħu lil President tal-Indja, il-Kummissarju Għoli Gauci qal li minkejja iċ-ċirkustanzi sfortunati li tinsab fihom id-dinja bħalissa minħabba l-Imxija tal-Virus Korona, kien ta’ unur għalih li kien qed jippreżenta l-Kredenzjali ġewwa l-Indja f’ din is-sena, 2020, meta Malta u l-Indja kienu qegħdin jiċċelebraw il-55 anniverarju mit-twaqqif tar-Relazzjonijiet Diplomatiċi bejniethom li bdew fl-10 ta’ Marzu 1965. Huwa emfassizza ukoll li ż-żewġ pajjiżi huma marbuta flimkien minnħabba s-sħubija tagħhom fil-Commonwealth tan-Nazzjonijiet.

Il-Kummissarju Għoli Gauci qal li Malta tilqa’ b’ ferħ t-tkabbir tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi u hija kburija li tirrikonoxxi li d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi qegħdin isiru aktar ta’ spiss filwaqt li l-ko-operazzjoni bejniethom f’ numru ta’ oqsma, żdiedet sostanzjalment matul l-aħħar snin.

Il-Kumissarju Għoli l-Ġdid ikkonkluda li minkejja d-differenzi fid-daqs, Malta u l-Indja jinsabu għaddejjin minn bidliet robusti, b’ viżjoni ambizzjuża għall- ġejjieni. Huwa għaraf ukoll li ż-żewġ pajjiżi huma demokraziji vibranti li dejjem ipoġġu l-benefiċċju u l-benessri tal-popli tagħhom fiċ-ċentru tal-politika tagħhom.

Il-President Kovind irringrazzja lil Kummissarju Għoli Gauci u bagħat t-tislijiet tiegħu lil President ta’ Malta, l-E.T. George W. Vella. Il-President tal-Indja qal li r-relazzjonijiet ta’ bejn l-Indja u Malta avvanzaw bosta u sa jkompli javvanzaw grazzi għall-klima ta’ ħbiberija u ko-operazzjoni li teżisti bejniethom. Huwa feraħ lill-Kumissarju Għoli l-Ġdid għan-nominazzjoni tiegħu u awguralu fil-qadi tad-dmirijietu ġewwa l-Indja.

Matul iċ-Ċermonja tal-Kredenzjali, il-Kummissarju Għoli Reuben Gauci kien akkumpanjat minn martu, Dott Olga V. Gauci u l-Viċi Kap tal-Kummissjoni Għolja, is-Sur Daniel Massa.

High Commissioner Reuben Gauci speech to the President of India

Reuben Gauci High Commissioner of Malta to India Presenting Credentials 

High Commissioner Reuben Gauci presenting credentials in New Delhi