IKKUNTATJANA:

Indirizz
Malta High Commission
38 Culgoa Circuit,
O'Malley, ACT 2006
Australia
 
 Telephone
+61 (02) 6290 1724
+61 (02) 6290 1573
 
 Fax
+61 (02) 6290 2453
 
 VOIP (Iċċempel min Malta)
22042027
 
 Email
 
 

Relazzjonijiet bejn Malta u l-Awstralja

Ir-relazzjonijiet diplomatiċi ma l-Awstralja bdew fil-21 ta’ Settembru 1964. Ir-relazzjonijiet politiċi huma mill-aqwa, fil-waqt li ż-żewġ pajjiżi għandhom viżjoni komuni fl-oqsma tal-liġi, edukazzjoni u kultura. Malta għandha Kummissjoni Għolja f’Kanberra (li ġiet stabbilita fl-1964) u għandha Konsolati Ġenerali f’Sydney u Melbourne kif ukoll Konsolati Onorarji f’Melbourne, Adelaide, Brisbane, Mackay, Cairns u Perth. Hemm ukoll Viċi Konslu Onorarju f’Latrobe Valley fil-Victoria u f’Adelaide, f’South Australia.
 
Minn meta ġew stabbilti r-relazzjonijiet diplomatiċi, ir-relazzjonijiet fuq livell politiku żviluppaw b’mod kordjali ħafna u li f’ċerti aspetti bbenefikaw iż-żewġ naħat.  Dan ġara mhux biss minħabba il-konnessjonijiet soċjali permezz ta’ l-emigrazzjoni imma wkoll minħabba l-prinċipji ta’ tmexxija tajba li jgħaqqdu l-membri tal-Commonwealth.
 
Jidher ċar li r-rabtiet sodi li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi huma bbażati fuq ir-rabtiet mill-qrib bejn il-poplu Malti u dak Awstraljan. Skond l-uffiċċju ta’ l-istatistika Awstraljan, fl-2006, 153,805 Awstraljan qalu li għandhom nisel Malti u 43,708 resdienti fl-Awstralja twieldu Malta. Il-komunita’ ta’ emigranti Maltin fl-Awstralja hija l-akbar komunita’ Maltija barra minn Malta. Minn meta bdew jaslu l-Awstralja fis-seklu dsatax, il-Maltin ikkontribwew għall-iżvilupp kulturali u ekonomiku f’dan il-pajjiż. Fl-ewwel parti tas-seklu għoxrin, 1,900 Malti emigraw lejn l-Awstralja. F’Mejju 1948, l-Awstralja u Malta ffirmaw l-ftehim ta’ ‘assisted migrant passage’, li estenda l-benefiċċju ta’ spejjeż tal-vjaġġ issussidjati lil aktar minn 63,000 Malti. Nofs il-ħamsinijiet u fis-sittinijiet kien iż-żmien meta l-aktar li emigraw lejn l-Awstralja u l-1981  kienet is-sena meta kien hemm l-akbar numru ta’ nies li twieldu Malta fl-Awstralja.  Minn dak in-nhar, in-numru ta’ nies imwieldin Malta fl-Awstralja qiegħed jonqos.  Il-popolazzjoni tal-Maltin qegħda wkoll tikber, infatti ftit hemm persuni mweldin Malta li għandhom bejn 0 u 24 sena. Il-maġġoranza ta’ dawk li twieldu Malta ilhom jgħixu l-Awstralja aktar minn 15-il sena u aktar minn 70% ħadu ċ-ċittadinanza Awstraljana. L-istati ta’ Victoria u NSW kienu l-istati li attrattaw l-akbar numru ta’ Maltin.        
 
Il-preżenza ta’ Malta fl-Awstralja tkompli
 
F’Marzu 2007, iż-żjara f’ Melbourne, Kanberra u Sydney tal-Viċi Prim Ministru Tonio Borg ġabet magħha l-aħbar li l-Gvern Malti kien ippropona li jiġi emendat l-Att dwar iċ-Ċittadinanza. Din l-aħbar kienet meqjusa mill-komunita’ Maltija fl-Awstralja bħala pass lejn id-direzzjoni t-tajba, peress li l-emendi jestendu l-kwalifikazzjoni għaċ-ċittadinaza doppja lil tfal tat-tieni ġenerazzjoni u ġenerazzjonijiet ta’ wara li twieldu barra minn Malta. Dawn l-emendi neħħew ukoll id-distinzjoni bejn il-linja min-naħa tal-missier u dik ta’ l-omm. Iż-żjara tal-Prim Ministru Gonzi f’Melbourne, Kanberra, Adelaide, Perth u Sydney f’Awwissu 2007 uriet ir-rieda soda u ċara tal-Gvern Malti li jikkomunika b’mod effettiv mal-Maltin ta’ barra, u li jibni relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi eqreb ma’ l-Awstralja, pajjiż li laqa’ eluf ta’ emigranti Maltin.
      
Żjajjar riċenti bejn iż-żewġ pajjiżi
 
L-Eċċellenza tiegħu Dr Edward Fenech Adami, il-President ta’ Malta u l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin, l-Onorevoli Dr Tonio Borg, żaru l-Awstralja fuq żjara statali bejn il-21 u s-27 ta’ Frar 2009. Id-delegazzjoni uffiċjali żaret Melbourne, Kanberra, Sydney u Brisbane. Il-President kien akkumpanjat mis-Sinjura Fenech Adami.   Din kienet is-sitt u l-aħħar żjara uffiċjali tal-President qabel ma temm il-kariga tiegħu fl-4 ta’ April 2009.
 
F’Novembru 2008, l-ET Quentin Bryce AC u s-Sur Michael Bryce AM AE żaru Malta bejn it-13 u l-15 ta’ Novembru 2008. Din kienet l-ewwel żjara statali f’Malta minn Gvernatur Ġenerali Awstraljan.
 
L-Onorevoli Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi żar l-Awstralja bejn il-31 ta’ Lulju u t-12 ta’ Awwissu 2007. Il-Prim Ministru ltaqa’ mal-Prim Ministru Awstraljan John Howard,    il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Alexander Downer u l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Kevin Rudd. Matul iż-żjara tiegħu, il-Prim Minsitru ltaqa’ wkoll mal-komunita’ Maltija f’Perth, Adelaide, Melbourne, Kanberra u Sydney.
 
F’April 2007, delegazzjoni mill-Parlament Awstraljan żaret Malta.
 
L-Onorevoli Dr Tonio Borg, il-Viċi Prim Ministru u Minsitru tal-Ġustizzja u l-Intern żar l-Awstralja f’Marzu 2007. L-għan ta’ din iż-żjara kien li l-Ministru jiltaqa’ mal-komunita’ Maltija u jħabbar ir-rieda tal-Gvern li jemenda l-liġi taċ-Ċittadinanza.     
 
L-Onorevoli Dr Michael Frendo, Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin  żar l-Awstralja f’Marzu 2006. L-għan ta’ din iż-żjara kien li jiltaqa’ mal-komunita’ Maltija u biex jitjiebu r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Awstralja, kif ukoll biex jattendi l-ftuħ tal-Logħob tal-Commonwealth f’Melbourne u jaqdi dmirijiet oħra tal-Commonwealth.
 
Il-Prim Ministru Awstraljan John Howard żar  Malta f’Novembru 2005 biex jieħu sehem fil-laqgħa tal-kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth u kellu laqgħa mal-Prim Ministru l-Onorevoli Dr Lawrence Gonzi.
 
F’Ottubru 2005, rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ Awstraljana–Maltija reġgħu kienu Malta. 
 
Il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dr Edward Fenech Adami u l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ dak iż-żmien Dr Joe Borg żaru l-Awstralja f’Marzu 2002 biex jieħdu sehem fil-laqgħa tal-kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth li sar f’Coolum, Queensland. It-tema tal-laqgħa kien ‘Il-Commonwealth fis-seklu 21: Kontinwita’ u Tiġdid’.
 
Il-Kamra tal-Kummerċ Awstraljana-Maltija organizzat żjara f’Malta f’Ottubru 2003 biex tippromwovi l-kummerċ, tistabbilixxi kollaborazzjoni fl-isfruttar ta’ opportunitajiet maħluqa bis-sħubija fl-UE u biex tissieħeb ma’ kumpaniji bbażati f’Malta biex jilħqu swieq fl-Ewropa u fl-Afrika ta’ Fuq.
  
Dr Fenech Adami rega’ żar l-Awstralja bħala mistieden tal-Gvern f’Awwissu 2002 fejn kien akkumpanjat mill-Viċi Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dr Lawrence Gonzi. 
 ​
​​​​​​​​​​​​​​​​​​