Il-Kummissarju Għoli ta’ Malta fl-Awstralja, għamel żjara fl-istat ta’
Victoria fejn kellu opportunita’ jiltaqa’ ma’ bosta membri tal-Kommunita’
Maltija, flimkien mal-Konslu Ġenerali s-Sur Mario Farrugia Borg.
Waqt din iż-żjara, l-E.T. is-Sur Muscat u l-Konslu Ġenerali taw intervista
mis-Sur Joe Axiaq, il-koordinatur tas-sezzjoni tal-Malti fl-SBS.
Il-Kummissarju u l-Konslu Ġenerali żaru ukoll iċ-ċentru tal-Kunsill
tal-Kommunita’ Maltija f’Victoria, fejn kellhom l-opportunita’ li jintaqgħu
mal-President tal-Kunsill, is-Sinjura Marlene Ebejer, u t-tim eżekuttiv.
Flimkien mal-Konslu Ġenerali f’Melbourne, l-Kummissarju Għoli għamel mezz
biex iżuru ukoll l-Kommunita’ Maltija f’ Morwell - La Trobe Valley, fl-Lvant
tal-istat ta’ Victoria, daqs 320 kilometru l-bogħod minn Melbourne.
Il-Kummissarju ħass il-bżonn li jiltaqa’ u jisma’ lil-membri tal-kommunita’
reġjonali, f’laqgħa organizzata mill-Konslu Onorarju tad-distrett, s-Sur Mario
Sammut. L-Kummissarju u l-Konslu Ġenerali urew l-apprezzament tagħhom
għall-inizjattivi li qed jittieħdu mill-kommunita’ f’Morwell sabiex ilestu
mużew fuq id-drawwiet u l-folklor tal-kultura Maltija, li tant jgħożżu.
L-E.T. is-Sur Muscat ħa l-opportunita’ ta’ din iż-żjara biex jiltaqa’
mal-Ministru statali, l-Onor. Richard Wynne MP. Matul din il-laqgħa, l-E.T.
qajjem punti li jolqtu l-interessi tal-kommunita’ Maltija f’Victoria.
L-E.T. is-Sur Muscat kellu laqgħa fiċ-ċentru tal-Maltin f’Albion.
Il-President tal-għaqda, s-Sur P.P. Portelli, u l-kumitat tiegħu laqgħu
lill-Kummissarju Għoli u lill-Konslu Ġenerali b’mod eċċellenti minn grupp
t’għannejja u mis-St Albans Melita Band, liema banda filarmonika kienet
mgħonija bil-parteċipazzjoni ta’ numru sabiħ ta’ żgħażagħ. Il-Grupp
tal-Bizzilla kienu ukoll preżenti għal din l-okkażjoni fejn tellgħu wirja
tax-xogħol tagħhom.
Wara żjara kemmxejn impenjattiva, il-Kummissarju Għoli ta’ Malta
fl-Awstralja jixtieq jirringrazzja lil dawk kollha li taw semhom għas-suċċess
ta’ dawn l-attivitajiet, b’mod speċjali lill- Konslu Ġenerali s-Sur Mario
Farrugia Borg, l-familja tiegħu, kif ukoll lil presidenti u l-kumitati
tal-għaqdiet Maltin f’Victoria.