Jum Malta Fil-Kanada 2020

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Set 25, 2020
 
Il-Konslu Ġenerali tar-Repubblika ta’ Malta fil-Kanada, Dr Raymond C. Xerri ppresida tlett avvenimenti li fformaw parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum Malta fil-Kanada 2020 sabiex jimmarkaw is-56 Anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta.  Dawn l-avvenimenti saru l-Ħadd, 20 ta’ Settembru 2020 bl-ewwel issir iċ-ċerimonja tat-tlugħ tal-bandar ta’ Malta u tal-Kanada fil-Malta Park, fil-Villaġġ Malti fil-Belt ta’ Toronto fil-Provinċja ta’ Ontarjo fil-Kanada. 

Din iċ-ċerimonja bdiet b’diskors annwali u tradizzjonali mill-Konslu Ġenerali.  Dr Xerri tkellem dwar l-importanza ta’ iktar għaqda profonda fost il-Kommunità Maltija Kanadiża f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi kbar.  Dan qalu fil-presenża tal-President tal-Federazzjoni Maltija-Kanadiża, Joseph Sherri, rappreżentanti mill-Klabbs tal-Futbol Melita u tal-Banda ta’ Malta kif ukol ta’ ħdax-il assoċjazzjoni Maltija Kanadiża li jinsabu fil-Provinċja ta’ Ontario.

Wara dan id-diskors, il-Konslu Ġenerali Dr Xerri telgħa l-bandiera ta’ Malta bħala r-rappreżentant tal-Gvern Malti segwit mill-President tal-Federazzjoni, s-Sur Sherri li telgħa l-bandiera Kanadiża f’isem il-Federazzjoni Maltija-Kanadiża, iż-żewġ klabbs u l-Assoċazzjonijiet Maltin-Kanadiża fil-Kanada. Din l-ewwel ċerimonja ntemmet bid-daqq tal-Innu Malti u dak Kanadiż. 

Immedjatament wara ċ-ċerimonja tal-Flag Raising, dawk preżenti attendew il-Quddiesa Solenni tar-Ringrazzjament għall-56 sena ta’ Malta Independenti. 

Il-Kappillani, Dun Mario Micallef u Dun Charles Michael Grech it-tnejn iċ-ċelebraw il-quddiesa fil-Knisja Maltija-Kanadiża dedikata lil San Pawl Appostlu, li tinsab ukoll fil-Villaġġ Malti.  Wara l-quddiesa, Dr Raymond C. Xerri, il-Konslu Ġenerali tar-Repubblika ta’ Malta fil-Kanada għamel diskors ieħor fejn enfasiża l-bżonn li kull membru tal-Komunità Maltija Kanadiża għandu jieħu ħsieb li jagħti każ ħaddieħor fil-istess komunità speċjalment ta’ l-anzjani u membri vunerabbli f’dan iż-żmien diffiċli ħafna. La darba ntemmet il-quddiesa, il-Konslu Ġenerali Dr Xerri qasam basket ikel u xorb tradizzjonali Malti.

Wara t-tqassim tal-basktijeit, il-Konslu Ġenerali Dr Xerri fil-presenża tal-Kappillan Dun Mario Micallef, inawgura wirja storika msejħa, ‘The Heritage of Postal Stamps in Malta,’ li bidiet tintwerà fil-Belt ta’ Toronto ser iddur f’diversi bliet fl-Amerika ta’ Fuq, primarjament fil-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerika.  Mijiet ta’ Maltin u Għawdxin-Kanadiżi kif ukoll membri ta’ għaqdiet tal-filaterija li jinsabu fil-Belt ta’ Toronto u l-madwar ġew sabiex jaraw din il-wirja. Din l-esibizzjoni ser iddum miftuħa san har il-Ġimgħa, 25 ta’ Settembru 2020.

Dawn l-avvenimenti li ġew organizzati bħala Jum Malta fil-Kanada 2020 kienu posibbli permezz ta’ fondi provduti mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Malta Post u l-Mużew Postali ta’ Malta.  Il-Konslu Ġenerali Dr Xerri rringrazzja lill-voluntiera tal-parroċċa Maltija-Kanadiża ta’ San Pawl Apostlu tal-kooperazzjoni sħiħa tagħhom sabiex Jum Malta fil-Kanada 2020 kien success.

Jum Malta Fil-Kanada 2020 

Jum Malta Fil-Kanada 2020 
 

Jum Malta Fil-Kanada 2020 
 

Jum Malta Fil-Kanada 2020 
 

Jum Malta Fil-Kanada 2020 
 

Jum Malta Fil-Kanada 2020