L-2020 kienet sena diffiċli għalina lkoll, iżdà għal dawk li jaħdmu fl-oqsma tal-arti u l-kultura x-xogħol waqaf kompletament. Il-Konsolat Ġenerali tar-Repubblika ta’ Malta għall-Kanada kontinwament isegwi l-iżviluppi f’dawn l-oqsma u qed joffri daqqa’ t’id lill-artisti Maltin-Kanadiżi li ġew affettwati b’mod negattiv mill-għeluq li ġabet magħha l-imxija tal-COVID19.
Joanne Lourdes Camilleri hija artista, direttriċi, koreografu, għalliema u produttriċi Maltija-Kanadiża fil-qasam taż-żfin u tal-arti mil-Lvant Nofsani, f’Hart House, fl-Università ta’ Toronto. Joanne hija waħda minn dawk l-artisti rinomati fejn fl-aħħar għoxrin sena tellgħet produzzjonijiet kemm għaċ-ċinema kif ukoll għat-televiżjoni sew fil-Kanada, madwar l-Ewropa u fl-Istati Uniti tal-Amerika.
Il-presentazzjoni, Dance of the Rising Goddess - INANNA li hija maqsuma f’żewġ atti u iddum disgħin minuta, fiha erbatax-il xena, bi żfin u mużika multimedja. Il-produzzjoni tinkludi ċirklu professjonali, żfin taż-żaqq, mużiċisti, vokali u rakkont li jdur mat-tema tal-istorja tal-alla tal-fertilità ta’ Malta.
L-artista rinomata Maltija-Kanadiża Camilleri ħadmet ma’ Chris Hall (kompożitur, arranġatur u produttur), Keith Holding (direttur, direttur tekniku u produttur) u il-Maltija-Kanadiża Isabel Camilleri li hi waħda mill-aktar disinjaturi tal-kostumi rinomati fil-Kanada.
Din il-produzzjoni, bil-Malti li hi msemmiha għan-nanna ta’ l-awtriċi Camilleri, u li metaforikament tirreferi għan-nanniet nisa kollha mill-qedem sa llum, tagħmel parti mill-kumpanija taż-żfin msejħa, Ancient Rumblings li hi bbażata fil-Belt ta’ Toronto, il-Kanada. Camilleri kienet se jttella’ dan l-ispettaklu fit-Tejatru tal-Opri Astra fil-Belt Victoria, ġewwa Għawdex, Malta, fis-sena 2020. iżdà minħabba l-imxija COVID19 din l-produzzjoni ġiet trasferita għall-14 u l-15 ta’ Mejju 2021.
Sadanitant, dan il-mużikal ser jittella’ għall-ewwel darba nhar it-18, id-19 u l-20 ta’ Novembru 2021 fit-Teatru Redwood fil-Belt ta’ Toronto, fil-Provinċja ta’ Ontario, fil-Kanada.
B’sapport finanzjarju minn Malta u bl-assistenza mill-Konslu Ġenerali tar-Repubblika ta’ Malta għall-Kanada, Dr Raymond C. Xerri, l-artista Camilleri flimkien mat-tim kbir tagħha beħsiebha tmur Malta fl-2021 u ttella’ dan l-ispettaku uniku fil-Gżejjer Maltin.
Waqt it-tnedija tal-poster uffiċċjali ta’ dan l-ispettaku, il-produttur Joanne Camilleri rringrazzjat bl-aktar mod sħiħ lill-Konsulat Ġenerali tar-Repubblika ta’ Malta fil-Kanada għas-sapport finazjarju u loġistiku li ingħata kostantament u konsistentament matul il-proċess kollu.
Fl-aħħarnett, il-Konslu Ġenerali, Dr Raymond C. Xerri qal li din il-produzzjoni mhux biss hija unika għall-Gżejjer Maltin, imma hi kapulavur artisiku u oriġinali b’potenzjal enormi f’diversi sferi, li mhux biss tirrakkonta waħda mill-eqdem stejjer taċ-ċiviltà tal-poplu tagħna imma għandha l-ingredjenti u l-elementi kollha sabiex tkun produzzjoni li tittraxxendi produzzjoni storika u permanenti u li ċertament tkun milquġħa sew mill-poplu Malti u Għawdxi kif ukoll titgawda mill-eluf ta’ turisti li jżuru l-Gżejjer Maltin.