Il-Konslu Ġenerali tar-Repubblika ta’ Malta għall-Kanada, Dr Raymond C. Xerri għamel żjara lill-Komunità Maltija fil-Belt ta’ Whitby, fir-Reġjun ta’ Durham, fil-Provinċja ta’ Ontario. L-aħħar żjara li saret lil din il-Belt b’ħafna Maltin kienet mill-ewwel Kummissarju għall-Kummerċ Malti u Konslu Ġenerali Onorarju, John Pisani meta ġie maħtur fl-1972.
Il-Konslu Ġenerali, Dr Raymond C. Xerri kien milqgħuh mis-Sinjura Teresa Bugelli, il-koordinatriċi tal-Maltese Cultural Club of Durham, f’binja fil-Belt ta’ Whitby. Dr Xerri ltaqa’ ma’ numru ta’ ċittadini Maltin u persuni ta’ dixxendenza Maltija fejn organizza laqgħa informattiva b’numru limitat ta’ nies skont il-protokoli tal-imxija COVID19.
Din iż-żjara fir-Reġjun ta’ Durham hija l-ewwel f’sensiela ta’ żjarat simili fid-dawl tad-domanda dejjem tikber mill-ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ Maltin-Kanadiżi li ddeċidew li japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija u sabiex jakwistaw il-passaport Malti fost servizzi oħra mitluba.